It-Twelid tal-Proġett

Fl-ittra li l-Ministru Ġeneral ta’ l-Ordni tal-Patrijjiet Minuri kiteb lill-aħwa tal-provinċja franġiskana maltija wara l-esperjenza tal-kapitlu, li ġġib id-data tad-19 ta’ Lulju 2002, Fra Giacomo Bini OFM kiteb hekk:

"Your province is blessed in having an even distribution of age groups. I am happy to see that you have adopted a policy of procuring training and professional expertise for some of the friars in the area of work with youth. Social patterns are changing radically and young people are facing unprecedented challenges. You have the manpower to invest in this area, which is crucial for the future of Malta. Don’t hesitate to give it your best shot - even if other areas of pastoral work may have to be cut back."

Fil-fatt, wara li fil-kapitlu provinċjali tressaq is-suġġeriment “Proposta ta’ Pjan għal Pastorali maż-żgħażagħ fuq Livell Provinċjali” minn Fra Mark Ciantar u Fra Paul Attard, il-Ministru Provinċjal Fra Paul Galea u d-Definitorju tiegħu taw il-mandat lill-aħwa msemmija flimkien ma’ Fra Charles Grech u Fra Raymond Scicluna biex jagħtu bidu għal dan il-proġett.

Id-dar, ċentru pastorali u knisja ta’ Santa Marija ta’ l-Anġli f’Baħar iċ-Ċagħaq ġew magħżula bħala spazji fejn din il-fraternità tgħix u taħdem fid-dawl ta’ dan il-proġett. F’laqgħa tal-fraternità li ġġib id-data tas-26 t’April 2003, l-aħwa msemmija approvaw l-ewwel draft ta’ dan id-dokument.

Youth Alive

Youth Alive, dak iż-żmien grupp ta’ żgħażagħ, jaf il-bidu tiegħu fis-sena 2000 ġewwa ċ-Ċentru Sant’Antnin, struttura fi ħdan il-Komunità Parrokjali ‘Madonna tas-Sacro Cuor’ f’Tas-Sliema. Dan kien frott ta’ sforz pastorali favur iż-żgħażagħ mibdi fl-1996 fl-istess lokalità. Il-ħidma f’Tas-Sliema tkompliet sas-sena 2004, meta Youth Alive kellu jittrasferixxi ruħu fi ħdan il-Komunità ‘Santa Marija ta’ l-Anġli’ ġewwa Baħar iċ-Ċagħaq. Hawnhekk il-grupp ħa xejra differenti għaliex minn youth centre issa ġie mitlub joffri volontarjat għas-servizz tal-proġett imsemmi hawn fuq. Il-grupp laqa’ din l-isfida u wara sena taħriġ fuq l-ispiritwalità franġiskana, li matulha ġiet imwaqqfa kull tip ta’ attività barranija, tlettax-il żagħżugħ u żagħżugħa ħadu l-impenn fi ħdan Youth Alive - issa moviment b’għanijiet ġodda - nhar Għid il-Ħamsin 2005.

Sadanittant, wara l-Kapitlu Provinċjali OFM iċċelebrat f’Mejju ta’ l-istess sena, il-Provinċjal u d-Definitorju ġdid tiegħu ddeċidew li l-Proġett ġewwa S. Marija ta’ l-Anġli jitwaqqaf u l-patrijiet jinbidlu. Għal darb’oħra Youth Alive sab ruħu f’ċirkostanzi ġodda, issa ġewwa d-Dar ta’ l-Irtiri ‘Porziuncola’, f’Baħar iċ-Ċagħaq. Ir-risposta tal-voluntiera għal dan iċ-ċaqlieq kienet il-promozzjoni ta’ programm komprensiv ta’ spiritwalità franġiskana li jinkludi Lectio Divina, Korsijiet, Irtiri Vokazzjonali, Pellegrinaġġ f’Assisi u appuntamenti oħrajn.

Fid-29 t’Awissu 2007 Youth Alive ġiet stabbilita bħala Fondazzjoni, biċ-ċentru tagħha ‘Dar Frate Jacoba’ ġewwa Wied il-Għajn.