San Franġisk u l-Għarfien ta' Alla fil-Ħolqien

(kontribut fit-Tieni Konferenza Nazzjonali dwar l-Ambjent u l-Knisja, 6 t’Ottubru 2006)

2. Franġisku ried jagħraf ir-rejaltà tiegħu nnifsu u ta’ madwaru b’moħħu u b’qalbu wkoll. Kien bniedem li kellu mħabba tal-ġenn għal Alla u għall-ħlejjaq kollha tiegħu; u n-namrati taħsibhom imġienen. Jikkomunikaw b’mod li l-loġika ma tifhimx u jġibu ruħhom b’mod li r-raġuni sempliċement ma tistax tfisser.

3. Għandna l-impressjoni li ġejna ngannati għax il-wegħdi ta’ l-era moderna baqgħu biss wegħdi. F’isem l-effiċjenza ħloqna burokrazija li fgat il-valur tal-persuna f’bosta oqsma tal-ħajja. Biex ngħollu l-livell tal-ħajja dejjem iżjed, inqbadna f’materjaliżmu li jwaħħxek, egoiżmu li taqtgħu b’sikkina u stragi ambjentali tal-biża’. Il-konsumiżmu kielna. It-teknoloġija jassritna. Xejn minn dan kollu m’hu tort tax-xjenza jew it-teknoloġija fiha nfisha: taħti l-arroganza tagħna.

4. Issa ninsabu f’salib it-toroq: nibdew mill-ġdid b’viżjoni tal-ħajja differenti, jew nibqgħu sejrin hekk sakemm il-bniedem ma jibqax bniedem u jdejna jitbattlu.

5. Il-biża’ jipparalizzana u l-gaġġa togħġobna - avolja m’għandniex paċi - għax almenu nafu fejn aħna. L-ewwel triq tinvolvi ħafna riskju. Qalbna tgħidilna: itlaq kollox u rriskja. Fil-mument li nċedi, il-Jien u dak kollu li jdawwarni jsiru ħaġa waħda.

6. Fil-mument li Franġisku ċeda u rriskja kollox għall-imħabba, id-dinja saret id-dar tiegħu u l-ħlejjaq kollha ħutu. Dan wasslu biex iħobb u jirrispetta d-dinja ta’ madwaru u ta’ ġo fih, u għamel minnu bniedem tassew umli u nieqes mill-egoiżmu. Jista’ biss verament jifhem it-teknoloġija min jirraġuna bħal Franġisku. Għalih l-ewwel kien jiġi l-valur, mhux il-profitt jew il-konvenjenza. Bla dubju, dan ir-raġunament jidher ġenn f’għajnejn ħafna esperti politiċi, finanzjarji jew ekonomiċi. Iżda huwa ġenn li jista’ jsalva d-dinja.

Paġna: 1 2 3 4 5