San Franġisk u l-Għarfien ta' Alla fil-Ħolqien

(kontribut fit-Tieni Konferenza Nazzjonali dwar l-Ambjent u l-Knisja, 6 t’Ottubru 2006)

7. Wara tmien mitt sena, l-umanità ta’ Franġisku għadha tiġbed lejha nies minn kull lewn u twemmin. Franġisku jagħmel parti minn grupp rari ta’ nies, nisa w irġiel, li l-qdusija tagħhom għamlithom aktar umani. Mahatma Gandhi, Helder Camara, Madre Tereża ta’ Kalkutta huma eżempji ġodda ta’ dan l-istess proċess.

8. Minkejja dan, sa mill-ewwel mument tal-konverżjoni tiegħu, Franġisku kiseb awtorità li baqgħet dejjem tikber. Kienet l-awtorità ta’ bniedem ġenwin. Il-poter fuq l-oħrajn ikisser il-libertà għax juża s-saħħa. Dan qatt ma jista’ jiġi ġġustifikat. L-awtorità, min-naħa l-oħra, tibni. Tagħti l-kuraġġ biex inkunu ħielsa.

9. Fil-faqar tiegħu Franġisku wasal biex jagħraf verament lilu nnifsu. Hu kien konxju li kien ħlejqa ta’ Alla u li għalhekk ħajtu setgħet issib sens biss fl-imħabba t’Alla li minnu jitnisslu l-ħlejjaq kollha. L-għarfien tiegħu nnifsu wasslu biex jingħaqad mal-ħlejjaq kollha, għax hu kien jaf li hu wieħed minnhom. Il-qaddisin (insara w mhux) jafu lilhom infushom tant tajjeb li kapaċi jaraw ‘il ġewwa minn ħlejjaq oħrajn. L-ideja li Franġisku kien jikkomunika ma’ annimali, għasafar u saħansitra xtieli, tidher mhux possibli għall-bniedem tal-lum, li tant warrab l-għarfien tiegħu nnifsu li jsib diffikultà jikkomunika anke mal-mara tiegħu stess!

10. Franġisku kien poeta mistiku. Fl-Għanja tal-Ħlejjaq huwa jfisser esperjenza ta’ unità u koerenza li tinsab f’dak kollu li jeżisti. Huwa kien jara lilu nnifsu bħala ċentru ta’ mħabba f’nofs fraternità universali. Għal Franġisku, in-Natura, bħalna, hija rifless ta’ Alla: aħna lkoll maħluqin u lkoll aħwa. Alla jara u jħobb il-bufula sewda bħala bufula sewda, il-ħarruba bħala ħarruba, farka ramel bħala farka ramel. Għax aħna xbieha tiegħu, huwa privileġġ għalina li nħobbuhom bl-istess mod.

Paġna: 1 2 3 4 5