San Franġisk u l-Għarfien ta' Alla fil-Ħolqien

(kontribut fit-Tieni Konferenza Nazzjonali dwar l-Ambjent u l-Knisja, 6 t’Ottubru 2006)

11. Dak kollu li hu sabiħ joħroġ mill-intimità profonda tal-persuna. Għalhekk m’hijiex ħaġa kbira li minkejja li kien għami, Franġisku seta’ jinseġ għanja lill-ġmiel u l-għaqda li nilmħu fil-ħolqien. Huwa kien diġa’ ħaġa waħda miegħu nnifsu u mal-bqija tad-dinja, u d-dinja kienet magħquda miegħu. Din l-għaqda wasslitu biex jara b’qalbu, b’dawk li hu stess kien sejjaħ “l-għajnejn ta’ l-ispirtu” (Twissijiet I, 20). Eku ta’ dan insibuh fi kliem il-volpi liċ-Ċkejken Prinċep: “Ma tistax tara sew jekk mhux bil-qalb. Dak li hu tassew ta’ ħtieġa ma tarahx bl-għajnejn” (Antoine de Saint Exupery, “Iċ-Ċkejken Prinċep”). Ix-xemx, il-qamar u l-kwiekeb, ir-riħ u l-art, in-nar u l-ilma kienu ġewwa fih. U fid-dawl tax-xemx ġewwinija seta’ jara kif kull ħlejqa kienet tistħoqq l-imħabba.

12. Eric Doyle, franġiskan bħali, jissuġġerixxi illi l-mard taċ-ċiviltà oċċidentali huwa spiritwali, u allura, irid jiġi mfejjaq b’mezzi spiritwali. Wieħed minn dawn huwa t-talb. Waħda mill-isfidi l-kbar tar-reliġjon tagħna llum hija li jirnexxielha tmexxi l-individwi biex jagħrfu l-kobor immens ta’ dak li hemm ġewwa fihom, iħaddnuh magħhom u bih jaqdu l-ħolqien kollu (ara “Francesco e il Cantico delle Creature”).

13. Waqtiet mgħoddijin fit-talb huma oasi prezzjużi f’ħajjitna, meta l-imħabba toħroġ minn ġewwa fina, u terġa’ lura għandna mingħand Alla u mingħand il-bqija tal-ħolqien.

14. Il-bniedem huwa mifrud minnu nnifsu u dan firdu mill-bqija tal-ħolqien. Din il-firda ma tistax titfejjaq qabel ma l-bniedem jingħaqad miegħu nnifsu għax iħossu maħbub minn Alla. U ma nistgħux nindunaw li Alla jħobbna jekk ma nifittxux il-kumpanija tiegħu fit-talb. It-talb jurina li aħna parti mid-dinja fil-kumplessità u l-ġmiel kollu tagħha. Id-dinja hija d-dar tagħna.

Paġna: 1 2 3 4 5