Inkun Sinjal tas-Saltna

Noti minn diskors li Giacomo Bini OFM għamel lill-Klarissi ta' l-Italja

Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.

Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha. (Mt 13, 44-46).

F’dawn il-versi nsibu erba’ verbi li jfasslu l-mixja tal-fidi tagħna u tas-sejħa tagħna.

Infittex...

Dan il-verb ifakkarna f’Marija ta’ Magdala li tfittex u ssib qabar vojt, imbagħad tiltaqa’ ma’ ġennien u fl-aħħar ma’ Ġesu’ li jgħidilha: La żżommnix, imma mur (ara Ġw 20, 17).

Jekk ir-reliġuż jieqaf ifittex, imut. Min jieqaf ifittex, jilbes l-attitudni ta’ min għandu bżonn biss li jgħix fil-kwiet.

Immaġina kieku Marija ta’ Magdala baqgħet kwieta: ma kinietx tmur tfittex, ma kinitx tara l-Mulej. Hekk jiġri lil min jgħix biċ-ċertezza li dejjem jara ċar. Naħsbu, per eżempju, f’min għandu ċertezza fuq il-voti u fuq ħwejjeġ oħrajn li jmissu l-ħajja reliġjuża, jieqaf ifittex u jikkuntenta li jgħix ħajja kwieta.. wisq kwieta!

Paġna: 1 2 3