Inkun Sinjal tas-Saltna

Noti minn diskors li Giacomo Bini OFM għamel lill-Klarissi ta' l-Italja
Il-Voti

Fir-reliġjużi hemm nar jaqbad. Id-dinja lesta li tilqgħu, imma għandha bżonn tara persuni jissugraw, li jiġru ħielsa, bil-ferħ, bl-entużjażmu.

Hija l-ħajja li tfisser il-wegħda, mhux bil-maqlub. Il-voti jirrappreżentaw l-akbar għatx li għandu l-bniedem: il poter, l-għana u l-pjaċir.

Sejjaħli biex inkun sinjal, parrabbola tas-Saltna. Meta jħarsu lejk in-nies iridu jaraw parabbola; iridu jkunu jistgħu jgħidu li s-Saltna t'Alla tixbah lil ġawhar fin, lil soru Klarissa.

Parabbola taħsad, twasslek għal xi ħaġa oħra iżjed fil-fond. Tixbaħ lil żerriegħa, lis-sid li jħallas lill-ħaddiema kollha l-istess. Is-Saltna t'Alla hija bħal wieħed li jiddeċiedi li ma jiżżewwiġx, għax sab il-ġawhar fin.

Il-voti jfissru rejaltà ħafna aktar fil-fond. Jekk nieqaf fl-istrutturi, nitlef l-essenzjal.

Il-ħajja reliġjuża tagħna tkun mimlija bis-sens fil-qies li toffri sinjali li jipprovokaw. Jekk jien, per eżempju, għadni niddiskuti fuq kif ngħix il-faqar, ħriġt barra mit-triq. L-importanti hu li ma jkolli xejn u nkun ħieles. Fuq kollox, il-faqar jagħmel minni persuna disponibbli għal kollox għall-Mulej, permezz tal-fidi. Abram ma kienx reliġjuż, id-dixxipli lanqas, imma għexu bil-fidi. Il-fidi titlob minni disponibilità sħiħa.

Jeħtieġ li nkun sinjal u provokazzjoni għan-nies, b'tali mod li meta jiltaqgħu miegħi jistaqsu: X'inhu jagħmel dal-miġnun? Għaliex kuntent? Kif qed jgħix rejaltà daqshekk profonda? Ma' min iltaqa'? Imbagħad inkun nista' nispjega permezz ta' ħajti.

Jien ingħatajt missjoni għas-Saltna, mhux biex insalva l-kunvent! In-numri ma jgħoddux. Biżżejjed soru waħda li qed tgħix il-vanġelu biex tkun nar jaqbad kullimkien.

Id-don li rċevejt mhux għal kulħadd. Għaliex irrid naħbih, bħal dak il-qaddej tat-talenti (ara Mt 25, 25)? Is-sid irrabja għal dan għax ma ħaddimx it-talent wieħed tiegħu. Iġġudikah fuq il-biża', għax ma ssugrax.

Paġna: 1 2 3