Rigal fl-Istorja Tiegħek (1)

Noti mid-diskors li l-Ministru Ġeneral OFM għamel liż-żgħażagħ tal-XXV Mixja Franġiskana lejn Assisi, S. Marija ta’ l-Anġli, 2 t’Awissu 2005

Ġesù, l-ikbar rigal li qatt tana l-Missier, jingħata lili, lilek, lil kulħadd. Ġesù, ħuna, isir ukoll ħabib u sieħeb fil-vjaġġ, bħalma darba għamel maż-żewġ dixxipli ta’ Emmaus. Fih, Alla sar “Alla magħna” u għalina.

Issa jmiss lilna niftħu għajnejna, b’mod speċjali dawk ta’ qalbna, biex nagħrfuh maġenbna. Imiss lilna nagħrfuh fil-waqtiet ta’ ferħ u ta’ niket, meta x-xemx tiddi fil-ħajja tagħna u fi qlubna u meta kollox isir dlam.

Biex nagħrfuh iżda, huma meħtieġa żewġ ħwejjeġ: irridu nkunu ltqajna miegħu, u ħallejnih jistaqsina. F’dan il-kuntest inqiegħdu l-mistoqsija li darba Ġesù stess staqsa lid-dixxipli tiegħu: “Intom min tgħidu li jien?” (Mt 16, 15).

Min hu Ġesù għalik?

  • Forsi ideoloġija? L-ideoloġiji jispiċċaw!
  • Forsi mexxej? Il-mexxejja mmorru warajhom bil-ħeġġa. Kemm int imħeġġa fil-mixja tiegħek wara Ġesù?
  • Forsi mgħallem? L-imgħallmin nisimgħuhom b’attenzjoni w ubbidjenza. Kif tisimgħu lil Ġesù?
  • Forsi Ħabib? Lill-ħbieb nafdawlhom l-aktar ħwejjeġ profondi ta’ ħajjitna. Kif inhi r-relazzjoni tiegħek miegħu?
  • Forsi l-Mulej? Lill-Mulej nagħtuh qalbna; inwegħduh fedeltà. Min qed jimlilek qalbek? Min hu t-teżor tiegħek? Wara min qiegħdha timxi?

Fil-Vanġelu Ġesù juri lilu nnifsu bħala “t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” (Ġw 14, 6), “il-bieb” (Ġw 10, 7.9), “ir-ragħaj” (Ġw 10, 11.14), “id-dielja”(Ġw 15, 1.5). X’ifissru fil-ħajja tiegħek dawn l-espressjonijiet? Liema hi tiegħek? Xi sfidi jqiegħdulek quddiemek?

“Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu” (Lq 10, 27). Iżda tista’ biss tħobbu b’qalbek kollha jekk tiltaqa’ miegħu verament, sal-punt li “tinnamra” miegħu. “Qarraqtni, Mulej, u jien tqarraqt” (Ġer 20, 7). Staqsi lil qalbek għal darb’oħra: Qatt iltqajt tassew mal-Mulej? Id-dixxipli ltaqgħu miegħu u jibqgħu jiftakru għal dejjem il-ħin eżatt.. (ara Ġw 1, 39). B’riżultat ta’ din il-laqgħa jħallu kollox.. Is-Samaritana tħalli l-ġarra (ara Ġw 4, 28), il-marid iħalli l-friex (Ġw 5, 9). Dawn huma l-konsegwenzi tal-laqgħa ma’ Ġesù. U fik x’qed jiġri?

Paġna: 1 2