Rigal fl-Istorja Tiegħek (2)

Noti mid-diskors li l-Ministru Ġeneral OFM għamel liż-żgħażagħ tal-XXV Mixja Franġiskana lejn Assisi, S. Marija ta’ l-Anġli, 2 t’Awissu 2005

Intom imsejħin biex tiskopru lil Ġesù fil-ħajja tagħkom, biex tagħmlu mill-proġett tiegħu - il-Vanġelu - il-proġett personali tagħkom.

Mistoqsija oħra: X’qed jitlob minnek Ġesù? Ġesù qed jitolbok kollox, għax hu tak kollox. Qed jitolbok qalb disponibbli u ubbidjenti li lesta tilqa’ r-rieda tiegħu u tisma’ kelmtu. Qed jitolbok li, bħal Marija, il-Verġni ta’ Nażaret, il-mara b’qalb ħielsa, fqira u disponibbli, int tistqarr bil-fidi: “Hawn jien, ħa jsir minni..” Jew bħal Iżaija: “Hawn jien, ibgħat lili..” X’qed jitolbok Ġesù fis-sitwazzjoni konkreta li tgħix fiha? Aħseb!

Imma mbagħad.. imxi!

  • Għajjiena? “Qum u kul, inkella ma tkunx tiflah għall-mixja li fadallek” (1 Slaten 19, 7)
  • Tħossok dgħajfa u bla saħħa? Ġesù jgħidlek: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi” (2 Kor 12, 9)
  • Qed jiddieħqu bik? Bħal Pawlu inti msejħa twieġeb: “Jien naf f’min emmint” (2 Timotju 1, 12), u “għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini” (Fil 4, 13).
  • Tidher impossibli? “Għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1, 37)
  • Qed tibża’? Iftaħ il-bibien ta’ ħajtek għal Kristu li jgħidlek: “Tibżax, jiena miegħek..”

Jgħid Carl Schurz: “L-idejali huma bħall-kwiekeb li ma nilħquhom qatt. Iżda, bħalma jiġri lill-baħrin, bis-saħħa tagħhom iseħħilna nfasslu l-mixja tagħna”. Għix b’saqajk ma’ l-art, imma mingħajr ma tieqaf toħlom, mingħajr ma tieqaf tkun profeta.

Jgħidu li darba l-Abbati Lot mar iżur lill-Abbati Jose’ u qallu: “Missier, kemm nista’, inħares regola sewwa, insum ħafna, nitlob u nimmedita, inżomm is-skiet u, kemm hu possibli, nipprova nżomm safja l-ħsibijiet tieg]i. X’irrid nagħmel aktar?” Il-patri xwejjaħ qam bil-wieqfa, refa’ jdejh lejn is-sema, u s-swaba’ nbidlu f’għaxar torċi jżiġġu. U qallu: “Għaliex ma tinbidilx f’nar?” U int għaliex ma tinbidilx fi Kristu ieħor? Il-missjoni ta’ kull nisrani, speċjalment tagħkom iż-żgħażagħ, hija li tinbidlu f’nar, li terġgħu tqabbdu l-fjamma, tkunu Kristu ieħor. Kuraġġ, “la tibżax, jiena miegħek..”!

Paġna: 1 2