voluntiera.jpg

Il-Fondazzjoni Youth Alive toffri wkoll opportunità ta' impenn lil min jixtieq jagħmel esperjenza ta' ħidma f'komunità.

Formazzjoni tal-bidu u l-Impenn

Qabel ma membri ġodda jintlaqgħu fi ħdan l-organizzazzjoni, huma jiġu mistiedna jiffrekwentaw il-kors bażiku ta’ spiritwalità franġiskana ‘Jien min Jien, u Int min Int?’. Kull darba li jiġi offrut dan il-kors issir sejħa għal dawk li minn fost il-parteċipanti jkunu jixtiequ jieħdu l-impenn fi ħdan Youth Alive. Imbagħad, nhar Għid il-Ħamsin, dawn jingħataw l-impenn għal sena waqt ċelebrazzjoni ta’ l-ewkaristija; filwaqt li l-membri diġa’ eżistenti jkunu jistgħu jġeddu l-impenn tagħhom għal sena oħra.

Il-Formula ta' l-Impenn

Jiena, bil-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu u fuq l-eżempju ta’ S. Franġisk t’Assisi, nimpenja lili nnifsi fi ħdan Youth Alive bħala voluntier fil-Knisja ta’ Kristu. Irrid inkun xhud ta’ l-imħabba t’Alla għal kull bniedem b’mod partikulari fil-qadi taż-żgħażagħ, billi noħloq l-ambjent fejn kull wieħed ikun jista’ jagħraf u jgħix is-sejħa tiegħu.

Lectio Divina

L-attività prinċipali ta’ Youth Alive hija laqgħa ta’ kull nhar t’Erbgħa mit-8.30 pm ‘l quddiem li fiha ssir il-Lectio divina. Il-laqgħa ssir is-sena kollha, għajr għal waqfa qasira ta’ xahar matul Awissu. Il-qari, studju u diskussjoni fuq il-Kelma jsiru fuq stil franġiskan, u nkorporat fit-talba ta’ l-Għasar. Il-voluntiera janimaw din il-laqgħa, bħal f’kull inizjattiva oħra ta’ Youth Alive.

Laqgħat partikulari għall-voluntiera

Barra l-Lectio divina, li hija miftuħa għal kulħadd, il-voluntiera jkollhom laqgħa fix-xahar għalihom waħidhom. Fiha huma jitolbu l-Liturġija tas-Sigħat, jevalwaw u jfasslu attivitajiet, u jiltaqgħu flimkien f’ambjent informali. Joffru wkoll donazzjoni ta’ €2 kull wieħed biex jintefgħu għall-fond tal-voluntiera.

Darba fix-xahar ukoll, il-Ħadd, jiċċelebraw flimkien l-Ewkaristija; u tliet darbiet fis-sena iqattgħu numru ta’ ġranet jgħixu flimkien f’ambjent ta’ komunità. Dan kollu jsaħħaħ il-formazzjoni permanenti tal-voluntiera u l-għaqda ta’ bejniethom. Inżidu wkoll li l-voluntiera huma dejjem imħeġġin jieħdu sehem fl-inizjattivi kollha tal-programm ta’ inizjattivi li huma joffru lill-oħrajn.